Navigate Up
Sign In

Traffikar Uman

 

HumanTrafficking 
 

 

Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi huwa responsabbli mid-diskussjoni dwar it-temi tal-prostituzzjoni u t-traffikar uman. Iż-żewġ suġġetti huma meqjusa bħala żewġ temi relatati ħafna iżda li jirrikjedu li jiġu indirizzati b’metodi differenti. Dan joħroġ mill-fatt li hemm diversi forom ta’ traffikar uman, b’mod speċjali dak marbut max-xogħol.
 
Din il-pożizzjoni hija l-bażi tad-diskussjoni fi ħdan il-Kumitat Inter-Ministerjali li waqqaf is-Segretarjat Parlamentari sabiex imexxi d-diskussjoni dwar dawn ir-riformi. Inħass il-bżonn li jkun hemm konsolidazzjoni tal-ħidma li jagħmel kull Ministeru kontra t-traffikar uman, partikolarment l-investigazzjoni ta’ każi ta’ traffikar uman u l-mekkaniżmi eżistenti li joffru għajnuna lil vittmi. L-għan aħħari ta’ dan il-ħidma hija l-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman li żżomm il-vittmi fiċ-ċentru tagħha u tinvesti aktar fil-prevenzjoni u l-għarfien dwar din il-problema.
 
Il-Ministeri kollha kkonċernati qed jippreparaw il-kontribut tagħhom tagħhom f’din l-istrateġija nazzjonali qabel ma l-Gvern ikun jista’ jniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fost il-pubbliku u s-soċjetà ċivili. Fl-istess waqt is-Segretarjat Parlamentari qed jagħmel analiżi tal-liġijiet eżistenti bil-għan li dawn jiffaċilitaw l-ġlieda kontra t-traffikanti u joffru protezzjoni aktar b’saħħitha lil vittmi.
 
Il-proċess ta’ riforma ħa wkoll xejra internazzjonali bil-koperazzjoni mal-awtoritajiet Ingliżi fejn jidħlu kampanji t’għarfien dwar it-traffikar uman u taħriġ professjonali lill-awtoritajiet Maltin. Fi Frar 2018 is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli mexxiet delegazzjoni f’Londra magħmula minn rapreżentanti ta’ entitajiet governattivi li jaħdmu fil-qasam tat-traffikar uman. Permezz ta’ din iż-żjara r-rapreżentanti tal-Gvern Malti kellhom l-opportunità jiddiskutu l-aħjar prattiċi addottati miż-żewġ pajjiżi.
 
F’Diċembru 2018 ġie ffirmat memorandum of understanding mal-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta dwar it-traffikar uman. Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi ffirma memorandum of understanding mal-Kummissjoni Għolja Ingliża bl-għan li tiżdied il-kollaborazzjoni bejn Malta u r-Renju Unit fil-ġlieda tagħhom kontra t-traffikar uman. Grazzi għal dan il-ftehim l-awtoritajiet Maltin se jingħataw assistenza fit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman.
 
Signing of a memorandum of understanding with the British High Commission to Malta on human trafficking​